Sunday, July 31, 2011

Pubblikazzjonijiet ġodda minn Malta


U dan biex ma nsemmux il-qasam tal-poeżija li huwa dak li l-aktar ibati meta tasal għall-istadju tal-pubblikazzjoni. Hemm ukoll pubblikaturi li juru x-xewqa li jiftħu l-bibien għal ismijiet ġodda, imma mbagħad, b'xorti ħażina, ma jibżgħux għal dak li jkollhom. Ma jżommux la żmien u lanqas il-kelma meta jiġu biex jagħtu dak il-ftit ħafna li l-awtur ikun ħaqqu bħala kumpens finanzjarju.

Dan hu marbut ukoll mal-pubbliċita' li ċerti kittieba jingħataw sfaċċatament fuq il-ġurnali u r-rivisti kollha, minnufih u aktar minn darba, filwaqt li oħrajn iridu jittalbu biex ġurnal jagħtihom ftit spazju, u dan wara ġimgħat jew saħansitra xhur twal. Hemm pubblikaturi li għandhom magna tal-marketing eċċezzjonali u allura jmexxu l-prodott tagħhom sewwa filwaqt li jonfħu aktar milli hu xieraq il-pubblikazzjonijiet u t-tim ta' kittieba tagħhom, filwaqt li miskin dak li jazzarda jippubblika minn butu. L-ironija hija li meta naslu għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, huma dawk marbutin mad-djar tal-pubblikazzjoni l-kbar li kważi dejjem iġorru l-aħjar premji sena wara sena u aktar minn darba u f'kull kategorija.

Minkejja dan kollu, kif għidt, dawk li jiktbu u jippubblikaw jibqgħu ħafna. Hawn ħa nsemmi ftit mill-aħħar kotba li ntbagħtuli jew li xtrajt dan l-aħħar.

IL-POEŻIJA:
KATARSI (2011) ta' Andrew Sciberras huwa ġabra ta' 51 poeżija. L-istil ta' Sciberras (membru tal-Għaqda Poeti Maltin) huwa wieħed modern: juża l-vers ħieles, ir-rimi interni, għandu ħakma tajba ferm tal-ilsien Malti u jħaddem metafori mill-isbaħ għalkemm xejn sempliċi. KATARSI għandu Daħla minn Achille Mizzi li jikteb hekk: "L-għaġna mentali ta' Sciberras turina li minn banda jħoss ġibda kbira lejn dak li hu stramb, eċċentriku u eżoteriku [...] u, saħansitra jidher li jinnamra anke mal-okkult [...] Mill-banda l-oħra, donnu biex jibbilanċja għandu interess, impenn u involviment li juri ħerqa, imħabba u kompassjoni lejn l-umanita' li ssofri u juri qilla u intolleranza kontra l-inġustizzji li d-dinja tagħna hija miżgħuda bihom." Din hija s-sitt ġabra ta' poeżiji ta' Sciberras wara Samsara, Noti tad-Demm, Waqtiet fis-Skiet, Mill-Eżilju ta' Ruħi u Traġitti (koawturat ma' Patrick Sammut). Katarsi huwa mżewwaq b'ritratti ta' Aaron Bonnici. Għal min hu interessat jakkwista kopja jista' jikteb direttament lill-awtur fuq artist@melita.com



Anki Omar Seguna huwa membru tal-Għaqda Poeti Maltin. Din hija t-tieni ġabra tiegħu wara li fl-2001 ħareġ Mal-Ħoss Qawwi tar-Ragħad. 24, Triq Ħad-Dwieli (2011) jiġbor fih 81 poeżija. Għandu Introduzzjoni minn Mario Azzopardi li jikteb hekk: "L-esperimentazzjoni grafika f'din l-antoloġija hi punt ta' referenza li jolqot. L-ewwel tentattivi tal-awtur kienu diġa' dehru sporadikament fl-ewwel antoloġija tiegħu [...] imma issa daħlet bixra kinetika aktar koreografata u aktar konspikwa. Forsi anki aktar "teatrika", sal-punt interattiv jew immersiv: hemm strofi inversi li biex taqrahom trid taqleb il-ktieb rasu 'l isfel u oħrajn li jridu jinqraw f'mera biex jingħarfu. Bħala estetika, din hi testimonjanza li Seguna qed jagħmel sforzi konxji biex ivarja (anki radikalment) ir-riċetta konvenzjonali li għadha taħkmu." Għal min jixtieq jakkwista kopja tal-ktieb jista' jikkuntattja lill-poeta fuq omarseguna@gmail.com


SPIRAL (KKM, 2011) hija t-tieni ġabra poetika ta' Joe Saliba wara li fl-1995 ippubblika Vjaġġ. SPIRAL jiġbor fih 133 poeżija u mal-201 ħajku. Għandu żewġ daħliet mill-pinna tal-Prof. Joe Friggieri u r-Rev. Prof. Peter Serracino Inglott. Jispikka l-element liriku fil-versi ta' Saliba. Serracino Inglott jikteb hekk: "Naħseb li hija din il-viżjoni tal-eżistenza bħala passaġġ minn post jew qagħda għal post ieħor jew qagħda oħra illi kważi jġiegħel lil Saliba jkompli jikteb il-poeżija minkejja l-impenji l-oħra li ħafna nies forsi jqisuhom aktar siewja." Joe Friggieri jikteb hekk: "Għadek issib hawnhekk it-taħlita tar-realta' mal-ħolm, tad-dinja kif inhi mad-dinja tat-tfal mad-dinja tal-adulti, tal-innoċenza mal-esperjenza, tal-azzjoni mar-riflessjoni. Għadha tinħass ir-rieda tal-poeta li jperreċ ruħu, li jiddeskrivi bl-akbar reqqa t-tqanqiliet, l-emozzjonijiet, ix-xewqat, it-tamiet u l-aspirazzjonijiet tiegħu, flimkien mat-tiġrib li jgħaddi minnu."

IL-PROŻA:


Carmel G. Cauchi kiteb u ppubblika poeżiji, kotba għat-tfal u anki novelli għall-kbar. Mill-Ġnejna ta' Tfuliti (Merlin, 2011) huwa awtobijografija li tmexxina mis-sena 1950 (bejn wieħed u ieħor), jiġifieri minn meta kien jattendi l-iskola tan-nuna, sas-sena 1962, meta l-awtur daħal jaħdem bħala emergency teacher. Hekk hemm miktub fuq il-qoxra tal-ktieb: "F'dan il-ktieb jirrakkonta fatti - drawwiet u ġrajjiet li seħħew tassew. Cauchi joħodna lura fi żmien tfulitu, fis-snin ħamsin u sittin bikrin, biex miegħu nqallbu l-album tat-tifkiriet. Jistedinna ngħaddu miegħu mill-iskola tan-nuna għal dik primarja u mbagħad il-Liċeo. Idaħħalna fid-dar qadima ta' tfulitu u jlaqqagħna ma' qrabatu. Jaqsam magħna l-istil ta' ħajja sempliċi li għex fi tfulitu bil-ħelu u l-morr tagħha.
Dan huwa ktieb li jappella għall-qarrejja kbar li għexu dawk is-snin għax iġeddilhom it-tifkiriet. Imma jappella wkoll għall-qarrejja żgħar għax jurihom kemm it-tfulija tal-imgħoddi kienet differenti minn dik tal-lum." Il-ktieb huwa mżewwaq mit-tpinġijiet sempliċi, nostalġiċi u mill-isbaħ ta' Frank Schembri.


Għadu kemm ħareġ IL-MALTI LXXXII (L-Akkademja tal-Malti/KKM, 2011), edizzjoni kritika/riċerkata. Fih wieħed isib kitbiet riċerkati ta' Godfrey Wettinger, Carmel Cassar, Anna Borg Cardona, Stanley Fiorini, Reno Fenech, Olvin Vella, Horatio Caesar Roger Vella, Emanuel Psaila u Olivia Borg. Naqraw dwar il-kultura orali f'Malta qabel il-wasla tal-Ordni; il-Malti fi żmien il-Kavallieri ta' San Ġwann; l-għanjiet Maltin li ġabar Alberto Fava; il-Kantilena ta' Pietru Caxaru, imma anki dwar uliedu u omm uliedu; il-prietki bikrin bħala għajn ewlenija għall-istorja tal-Malti; Vassalli u l-ambjent Borgian; Franġisku Saverju Attard u l-festa ta' Marija Bambina 1918; il-letteratura u l-politika f'rabta ma' Fil-Parlament ma Jikbrux Fjuri; u l-poeżija ta' Maria Grech Ganado.

Il-biċċa l-kbira ta' dawn il-pubblikazzjonijiet se tiġi ttrattata f'aktar dettall aktar 'il quddiem fuq il-blog tiegħi www.pagnawarapagna.blogspot.com




No comments: