Sunday, December 01, 2013

Serata Mużiko-Letterarja fiċ-Circolo Gozitano

Fir-ritratt jidher il-poeta Għawdxi Charles Bezzina.

Nhar il-Ħamis filgħaxija 28 ta’ Novembru għadd ta’ kittieba Għawdxin iltaqgħu flimkien u qraw xi xogħlijiet tagħhom li kienu jvarjaw minn proża, poeżija u essay.  Inqraw ukoll xi xogħlijiet letterarji ta’ kittieba Għawdxin li m’għadhomx magħna li kienu jinkludu lil Gorġ Pisani, il-Prof Ġuże’ Aquilina,  Mary Mejlak, Anton Buttiġieġ ex President tar-Repubblika, Patri Mattew Sultana Kapuċċin u l-Kan Joe Mejlak.  Din l-okkażjoni saret fuq l-inizjattiva tal-Kav Joe M Attard li fi żmien qasir se jippubblika ktieb dwar Kittieba Għawdxin matul dawn l-aħħar Mitt sena.   Intant, il-kittieba Għawdxin li laqgħu l-istedina u qraw xi xogħol tagħhom kienu jinkludu fost l-oħrajn lil  Joe Camilleri, Charles Bezzina, Joe W Psaila (li qrat żewġ poeżiji tiegħu s-sinjura Marja Żammit Borġ billi l-poeta inzerta msiefer), Ġanninu Cremona, Dun Gorġ Mercieca, Anton F Attard, l-Avukat Alfred Grech u l-Kapuċċin Patri Remiġ Galea.  Il-kantant Spiro Sillato u s-sopran Rosabelle  Pavia komplew żejnu s-serata bis-sehem mużikali tagħhom.

No comments: